gov.mt

pr261536

PR261536

23/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fl-ewwel 100 jum tal-Leġiżlatura l-ġdida tiddaħħal fis-seħħ miżura marbuta mal-attività fiżika għall-anzjani f’Għawdex


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li fl-ewwel 100 jum tal-Leġiżlatura l-ġdida ġiet implimentata miżura sabiex l-anzjani Għawdxin ikollhom aktar opportunitajiet li jibqgħu attivi u jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Fil-manifest elettorali wegħidna li l-anzjani Għawdxin se jkollhom aktar opportunitajiet biex jieħdu sehem f’inizjattivi ta’ attività fiżika u programmi sportivi mfassla apposta għalihom. Għalhekk, qed inkomplu nsaħħu l-inizjattivi ta’ din ix-xorta fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku, biex niżguraw li l-anzjani wkoll igawdu minn dan l-investiment sportiv importanti f’Għawdex. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn l-opportunitajiet, l-anzjani Għawdxin jistgħu jibqgħu attivi, jgħixu stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u jkomplu jkunu parti attiva mis-soċjetà tagħna.” 

Huwa kompla jgħid li dan huwa Gvern li jisma’, jifhem il-ħtiġijiet tan-nies u jaħdem biex kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-anzjani interessati jistgħu japplikaw permezz tal-eID fuq servizz.gov, personalment mill-Hub ta’ servizz.gov fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, permezz tal-MyGozo App jew mis-sit elettroniku gozo.gov.mt. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 2215 6620 jew jibgħat email fuq [email protected].

Il-Ministru Clint Camilleri fakkar ukoll li f’Ottubru li huwa ix-xahar iddedikat għall-anzjani, il-Ministeru għal Għawdex se jkompli jorganizza diversi attivitajiet u inizjattivi għall-anzjani, fosthom attivitajiet interġenerazzjonali, taħditiet edukattivi u inizjattivi ta’ soċjalizzazzjoni, li jkomplu jippromwovu anzjanità attiva u b’saħħitha.

Wieħed jista’ jaċċessa l-programm sħiħ tal-attivitajiet għall-anzjani online fuq https://eventsingozo.com/elderly-2026/#programme-booklet.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dawn l-inizjattivi jirriflettu l-impenn kontinwu tal-Gvern favur anzjanità attiva u b’saħħitha, filwaqt li jkompli jiġi rikonoxxut il-valur tal-anzjani tagħna bħala pilastri tal-familji u tas-soċjetà tagħna.

​​